Iffirmar tat-Tieni Interkonnettur bejn Malta u Sqallija

IFFIRMAR TAT-TIENI INTERKONNETTUR BEJN MALTA U SQALLIJA

Fit-28/06/2024, inħarġet sejħa pubblika mid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable sottomarin ta’ 245kV b’cable FO inkorporat u aċċessorji għat-tieni interkonnettur elettriku MT-IT b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Il-valur stmat ta’ dan il-proġett kien ta’ €185,000,000 u se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027.

Wara ftit aktar minn erba’ (4) xhur ta’ sottomissjoni tal-offerti, ġew sottomessi erba’ (4) offerti sad-data tal-għeluq. Dawn ġew evalwati minn Interconnect Malta, il-benefiċjarju finali tal-proġett, u Nexans Norway AS kienet l-offerent rakkomandat.

Ilbieraħ, ix-xogħol iebes kollu wassal għall-frott tiegħu bil-ftehim tal-kuntratt li ġie ffirmat mis-Sur Adrian Dalli (Direttur Ġenerali (Kuntratti)) u s-Sur Yvan Duperray (Viċi President tal-Marketing u l-Bejgħ, Nexans) fil-preżenza tad-Dott Miriam Dalli, (Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika), il-Perit Godwin Agius (President – Interconnect Malta).

It-tieni interkonnettur ta’ 99km se jikkumplimenta l-ewwel cable li ġie installat fl-2015, mill-istess kumpanija li se tkun qed tinstalla l-cable il-ġdid.

Dan il-cable ġdid se jiżgura serħan il-moħħ għal Malta u l-popolazzjoni tagħha, filwaqt li jiżgura stabbiltà fit-tul fir-rigward tal-provvista tal-elettriku tal-pajjiż. Se jappoġġja wkoll il-miri ta’ Malta għall-enerġija nadifa bħala parti mill-viżjoni tal-2050.