Id-Dipartiment tal-Kuntratti – Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali Appoġġ għall-Intrapriża 2017
Id-Dipartiment tal-Kuntratti, għat-tieni sena konsekuttiva ħa sehem fin-National Enterprise Support Awards (NESA) organizzati mid-Dipartiment tal-Kummerċ fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar. Id-Dipartiment ikkompeta ma’ Ministeri, Dipartimenti, Awtoritajiet Pubbliċi u Entitajiet oħra billi pparteċipa u rebaħ il-kategorija ’Improving the Business Environment’. Din il-kategorija tiffoka l-aktar fuq politiki innovattivi fil-livell nazzjonali jew lokali li jippromwovu l-bidu u t-tkabbir tal-intrapriżi, jissimplifikaw il-proċeduri leġiżlattivi u amministrattivi għan-negozji u jimplimentaw il-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” favur l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
Din is-sena d-Dipartiment tal-Kuntratti ffoka fuq l-objettiv ċentrali tiegħu li huwa li jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist Pubbliku permezz ta’ politiki innovattivi u jissimplifika l-proċeduri leġiżlattivi u amministrattivi. F’dan ir-rigward, ittieħdu u ġew implimentati bosta inizjattivi u miżuri sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti potenzjali fl-akkwist pubbliku jingħataw ċans ekwu li jieħdu sehem f’kuntratti ta’ xogħlijiet, servizzi jew provvisti pubbliċi. Għalhekk, l-inizjattivi meħuda fir-rigward ta’ dawn il-kriterji jinkludu t-tneħħija tat-tariffi tal-parteċipazzjoni tal-offerti; eliminazzjoni jew tnaqqis drastiku fil-ħtieġa li jiġu sottomessi garanziji finanzjarji għal Sejħa għall-Offerti (CfTs) taħt il-limitu ta’ €500,000; it-tneħħija kompleta tal-proċedura ta’ tliet pakketti; l-implimentazzjoni tad-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku (ESPD) u l-inġinerija mill-ġdid tal-proċess tas-sottomissjoni tal-offerti sabiex jiġi ssimplifikat l-istess proċess u jiġu eliminati offerti kkumplikati u impenjattivi ħafna.
Id-Dipartiment tal-Kuntratti jissodisfa r-responsabbiltajiet imsemmija hawn fuq billi joħroġ iċ-Ċirkularijiet tal-Akkwist Pubbliku, in-Noti ta’ Politika u Gwida u din is-sena ppubblika wkoll Manwal ta’ Proċeduri biex jindirizza oqsma mhux ċari, filwaqt li fl-istess ħin introduċa miżuri ġodda għas-simplifikazzjoni proċedurali u t-tnaqqis tal-burokrazija eċċessiva. Il-pubblikazzjoni tad-dokumentazzjoni tipprovdi lill-Awtoritajiet Kontraenti bl-għodod xierqa biex iħejju l-akkwist tagħhom, u b’hekk indirettament tqassar u tarmonizza l-proċess tal-offerti anki għall-Operaturi Ekonomiċi.
Il-miżuri kollha u d-dokumentazzjoni tal-akkwist pubbliku maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti indikaw li l-miżuri li ħa dan id-dipartiment servew bħala għodda xierqa li għenet lill-Awtoritajiet Kontraenti b’mod adegwat peress li n-numru ta’ Sejħiet għall-Offerti maħruġa matul is-sena li għaddiet kien ta’ madwar 7,500, madwar 700 offerta aktar maħruġa mis-sena ta’ qabel.
Il-premju tan-NESA li rċieva d-Dipartiment tal-Kuntratti jammonta għal €10,000, li għal darb ’oħra se jingħataw lill-Fondazzjoni Puttinu Cares.