3. Rappurtar ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-proċess tas-sejħa għall-offerti
3.1
Regoli dwar it-tqegħid tal-ilmenti / ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku
Id-dritt ta’ rimedju huwa preżenti f’diversi stadji ta’ proċedura ta’ akkwist. Rimedji u Appelli jistgħu jseħħu fil-każijiet li ġejjin:
- Rimedji qabel id-Data tal-Għeluq ta’ Sejħa għall-Kompetizzjoni
- Appelli minn deċiżjonijiet meħuda wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet ta’ offerta
- Qorti tal-Appelli
3.1.1 Rimedji qabel id-Data tal-Għeluq ta’ Sejħa għall-Kompetizzjoni
Skont ir-Regolament 262 tal-L.S. 601.03, kandidati u offerenti prospettivi jistgħu, fl-ewwel żewġ terzi tal-perjodu ta’ żmien allokat fis-sejħa għall-kompetizzjoni għas-sottomissjoni tal-offerti, jippreżentaw applikazzjoni motivata quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi:
a.
li twarrab jew tiżgura t-twarrib ta’ deċiżjonijiet inklużi klawżoli li jinsabu fid-dokument tal-akkwist u noti ta’ kjarifika meħuda illegalment f’dan l-istadju jew li huwa ppruvat li huma impossibbli li jitwettqu; jew
b.
li jiddetermina kwistjonijiet relatati mas-sottomissjoni ta’ offerta permezz tal-pjattaforma tal-Akkwist Elettroniku tal-Gvern; jew
c.
li jitneħħew speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji li huma preżenti fis-sejħa għall-kompetizzjoni, fid-dokumenti tal-kuntratt, f’noti ta’ kjarifiki jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt; jew
d.
jikkoreġi żbalji jew ineħħi ambigwitajiet ta’ terminu jew klawżola partikolari inklużi f’sejħa għall-kompetizzjoni, fid-dokumenti tal-kuntratt, f’noti ta’ kjarifiki jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt; jew
e.
li tħassar is-sejħa għall-kompetizzjoni fuq il-bażi li s-sejħa għall-kompetizzjoni tkun bi ksur ta’ xi liġi jew x’aktarx tikser xi liġi partikolari jekk din titkompla
L-applikazzjoni tkun valida biss jekk tkun akkumpanjata minn depożitu ekwivalenti għal żero punt ħamsa fil-mija (0.50%) tal-valur stmat stabbilit mill-Awtorita’ Kontraenti tal-offerta kollha jew jekk l-offerta tkun maqsuma f’lottijiet skont il-valur stmat tal-offerta stabbilita mill-Awtorita’ Kontraenti għal kull lott sottomess mill-offerent, iżda fl-ebda każ id-depożitu ma għandu jkun ta’ aktar minn ħamsin elf Euro (€50,000) li jistgħu jiġu rifużi kif il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi jista’ jiddeċiedi fid-deċiżjoni tiegħu.
Għal aktar informazzjoni dwar ‘Rimedji qabel id-Data tal-Għeluq ta’ Sejħa għall-Kompetizzjoni’ wieħed jista’ jirrevedi r-Regolamenti 262 sa 268 tal-L.S. 601.03.
3.1.2 Appelli minn Deċiżjonijiet meħuda wara d-Data tal-Għeluq tas-Sottomissjoni ta’ Offerta
Konformi mar-Regolamenti 270 sa 276 tal-L.S. 601.03, fejn il-valur stmat tal-kuntratt pubbliku jissodisfa jew jaqbeż il-ħamest elef Euro (€5,000) kull offerent jew kandidat ikkonċernat, jew kwalunkwe persuna, li għandha jew li kellha interess jew li saritilha ħsara jew li qed tirriskja li ssirilha ħsara minn ksur allegat jew minn kwalunkwe deċiżjoni meħuda inkluż għoti propost fil-kisba ta’ kuntratt, ċaħda ta’ offerta jew kanċellazzjoni ta’ sejħa għall-offerti wara li jiskadi l-perjodu ta’ pubblikazzjoni, jistgħu jippreżentaw appell permezz ta’ oġġezzjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li għandu jkun fiha b’mod ċar ħafna r-raġunijiet għall-ilmenti tagħhom.
L-oġġezzjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji wara d-data li fiha l-Awtorita’ Kontraenti jew l-awtorita’ responsabbli għall-proċess ta’ l-offerti tkun bagħtet b’fax jew mezzi elettroniċi oħra d-deċiżjoni proposta tagħha dwar l-għoti jew iċ-ċaħda ta’ offerta jew it-tħassir tas-sejħa għall-offerti wara li jiskadi l-perjodu tal-pubblikazzjoni.
Il-komunikazzjoni lil kull offerent jew kandidat ikkonċernat tal-għoti propost jew tal-kanċellazzjoni tas-sejħa għall-offerti għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti relatati maċ-ċaħda tal-offerta kif stabbilit Regolament 242 (Paġna 105) jew ir-raġunijiet għaliex is-sejħa għall-offerti qed tiġi kkanċellata wara li jiskadi l-perjodu tal-pubblikazzjoni, u b’dikjarazzjoni preċiża tal-perjodu eżatt ta’ waqfien.
L-oġġezzjoni tkun valida biss jekk tkun akkumpanjata minn depożitu ekwivalenti għal żero punt ħamsa fil-mija (0.50%) tal-valur stmat stabbilit mill-Awtorita’ Kontraenti tal-offerta kollha jew jekk l-offerta tkun maqsuma f’lottijiet skont il-valur stmat tal-offerta stabbilita mill-Awtorita’ Kontraenti għal kull lott sottomess mill-offerent, iżda fl-ebda każ id-depożitu ma għandu jkun inqas minn erba’ mitt Euro (€400) jew aktar minn ħamsin elf Euro (€50,000) li jistgħu jingħataw lura bħala l-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi jista’ jiddeċiedi fid-deċiżjoni tiegħu.
Is-Segretarju tal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi għandu minnufih jinnotifika lid-Direttur, tad-Direttorat tal-Akkwist Settorjali u / jew lill-Awtorita’ Kontraenti, skont il-każ, li kienet ġiet ippreżentata oġġezzjoni lill-awtorita’ tiegħu biex b’hekk tiġi sospiża minnufih il-proċedura tal-għoti.
Id-Dipartiment tal-Kuntratti, Direttorat tal-Akkwist Settorjali jew l-Awtorita’ Kontraenti involuta, skont il-każ, ikunu preklużi milli jikkonkludu l-kuntratt matul il-perjodu ta’ għaxart (10) ijiem kalendarji permessi għas-sottomissjoni tal-appelli. Il-proċess tal-għoti għandu jiġi sospiż kompletament jekk eventwalment jiġi ppreżentat appell.
Il-proċedura li għandha tiġi segwita fit-tressiq u d-determinazzjoni tal-appelli kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ppreżentati dawn l-appelli għandhom ikunu dawn li ġejjin:
a.
kwalunkwe deċiżjoni mill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, id-Direttorat Settorjali tal-Akkwist jew il-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti jew mill-Awtorita’ Kontraenti, għandha ssir pubblika billi titwaħħal fuq in-notice-board tad-Dipartiment tal-Kuntratti, id-Direttorat Settorjali tal-Akkwist jew tal-uffiċċju tal-Awtorita’ Kontraenti, skont il-każ, jew billi tittella’ fuq il-pjattaforma tal-Akkwist Elettroniku tal-Gvern qabel l-għoti tal-kuntratt jekk is-sejħa għall-offerti tkun amministrata mid-Dipartiment tal-Kuntratti;
b.
l-appell tal-ilmentatur għandu wkoll jitwaħħal man-notice-board tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi u għandu jiġi kkomunikat b’fax jew b’mezzi elettroniċi oħra lill-offerenti parteċipanti kollha;
c.
l-Awtorita’ Kontraenti u kwalunkwe parti interessata jistgħu, fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji mill-jum li fih l-appell jitwaħħal fuq in-notice board tal-Bord ta’ Reviżjoni u jittella’ fejn applikabbli fuq il-pjattaforma tal-Akkwist Elettroniku tal-Gvern, jippreżentaw tweġiba bil-miktub għall-appell. Dawn it-tweġibiet għandhom jitwaħħlu wkoll fuq in-notice board tal-Bord ta’ Reviżjoni u fejn applikabbli għandhom jittellgħu wkoll fuq il-pjattaforma tal-Akkwist Elettroniku tal-Gvern;
d.
l-awtorita’ responsabbli għall-proċess ta’ sejħiet għall-offerti għandha fi żmien għaxart (10) ijiem tibgħat liċ-Chairperson tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi id-dokumentazzjoni kollha li għandha x’taqsam mas-sejħa għall-offerti in kwestjoni inklużi files u offerti mitfugħa;
e.
is-Segretarju tal-Bord ta’ Reviżjoni għandu jinforma lill-parteċipanti kollha bis-sejħa għall-offerti, lid-Dipartiment tal-Kuntratti, lid-Direttorat tal-Akkwist Settorjali u lill-Awtorita’ Kontraenti bid-data jew dati, skont il-każ, meta ser jinstema’ l-appell;
f.
meta jiġi konkluż is-smigħ orali, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi, jekk ma jagħtix id-deċiżjoni fl-istess jum, għandu jirriżerva d-deċiżjoni għall-eqreb data possibbli li għandha tiġi ffissata għal dan il-għan, iżda mhux aktar tard minn sitt (6) ġimgħat mill-jum tas-smigħ orali:
Iżda għal raġunijiet serji u ġustifikati espressi bil-miktub permezz ta’ ordni notifikata lill-partijiet kollha, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi jista’ jipposponi s-sentenza għal perjodu aktar tard;
g.
is-Segretarju tal-Bord ta’ Reviżjoni għandu jżomm rekord tar-raġunijiet ta’ kull aġġornament u ta’ dak kollu li jsir f’kull seduta;
h.
wara li jevalwa l-provi kollha u wara li jikkunsidra s-sottomissjonijiet kollha mressqa mill-partijiet, il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi għandu jiddeċiedi jekk jaċċettax jew jiċħadx l-appell jew saħansitra jħassar is-sejħa jekk jidhirlu li dan huwa l-aħjar fiċ-ċirkostanzi tal-każ.
3.1.3 Qrati tal-Appeal
Skont ir-Regolamenti 284 sa 286 (Paġni 120-121), kull parti li tħossha aggravata b’deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Reviżjoni tista’ tappella quddiem il-Qorti tal-Appell kif kostitwita skont l-Artikolu 41 (1) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru ta’ dik il-qorti fi żmien għoxrin jum kalendarju mid-data li fiha dik id-deċiżjoni tkun saret pubblika.
L-Applikazzjoni ta’ l-appell għandha tiġi indirizzata kontra l-awtorita’ responsabbli għall-proċess ta’ l-offerti, l-Awtorita’ Kontraenti, l-offerent rakkomandat, jekk ikun hemm, u kull parti oħra involuta fil-proċeduri quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi, li tista’ tippreżenta tweġiba bil-miktub fi żmien għoxrin ġurnata mid-data tan-notifika:
Iżda jekk l-appellant jonqos milli jipprova jinnotifika r-rikors tal-appell lill-partijiet kollha hawn fuq imsemmija fi żmien ġimagħtejn mill-preżentata tal-appell, il-Qorti, wara li tisma’ fl-ewwel seduta tal-appell ir-raġunijiet għaliex ma saritx in-notifika, tista’ tiddikjara permezz ta’ digriet mogħti fil-qorti bil-miftuħ li l-appell huwa deżert bl-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-appellant.
Il-Qorti tal-Appell għandha tistabbilixxi l-kawża għas-smigħ f’data bikrija, f’ebda każ aktar tard minn xahrejn mid-data li fiha l-appell jitressaq quddiemha u għandha tara li jingħata avviż ta’ dik id-data lill-partijiet fil-kawża li, min-naħa tagħhom, għandhom jassumu r-responsabbilta’ li jżuru r-reġistru tal-qorti u jkunu jafu bl-aħħar informazzjoni dwar il-ħatra għas-smigħ tal-kawża.
Wara li taħtar ir-rikors għas-smigħ, u wara li tisma’ s-sottomissjonijiet orali magħmula mill-partijiet kollha, il-Qorti għandha tiddeċiedi r-rikors fuq il-merti tiegħu, fl-iqsar żmien possibbli iżda mhux aktar tard minn erba’ xhur mill-jum meta l-appell ikun ġie ppreżentat u l-partijiet ikunu ġew debitament notifikati. Sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti l-proċess tas-sejħa għall-offerti għandu jiġi sospiż.
Għal aktar informazzjoni dwar ‘Qorti tal-Appell’ wieħed jista’ jirrevedi r-Regolamenti 284 sa 290 tal-L.S. 601.03 (paġni 120-121).
3.2
Kif u lil min tista’ tiġi rrappurtata irregolarita fil-proċess tas-sejħa għall-offerti
Minbarra l-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) liema rwol huwa speċifiku għaċ-ċirkostanzi mressqin fil-mistoqsijiet preċedenti, kwalunkwe irregolaritajiet potenzjali jew allegati oħra għandhom jiġu rrappurtati lid-Dipartiment tal-Kuntratti permezz ta’ komunikazzjoni tradizzjonali jew elettronika fejn dawn tal-aħħar jistgħu jiġu sottomessi lil [email protected].
3.3
Min jista’ jressaq ilment?
Kulħadd jista’ jressaq ilment dwar kwalunkwe wieħed mill-aspetti u r-ramifikazzjonijiet differenti tax-xenarju tal-akkwist pubbliku. Ilmenti speċifiċi dwar sejħiet partikolari għall-kompetizzjoni jistgħu jiġu ppreżentati kif ġej:
a.
Rimedji qabel id-Data tal-Għeluq ta’ Sejħa għall-Kompetizzjoni – Kandidati u offerenti prospettivi;
b.
Appelli minn deċiżjonijiet meħuda wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet ta’ offerta – kull offerent jew kandidat ikkonċernat, jew kull persuna, li jkollha jew li kellha interess jew li tkun saritilha ħsara jew li tkun qed tirriskja li ssirilha ħsara minn ksur allegat jew minn xi deċiżjoni meħuda inkluż għoti propost fil-kisba ta’ kuntratt, ċaħda ta’ offerta jew tħassir ta’ sejħa għall-offerti wara li jiskadi l-perjodu ta’ pubblikazzjoni, jistgħu jippreżentaw appell permezz ta’ oġġezzjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi;
c.
Qorti ta’ l-Appell – Kull parti li tħossha aggravata b’deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Reviżjoni tista’ tappella quddiem il-Qorti ta’ l-Appell.
3.4
X’inhuma r-restrizzjonijiet / limitazzjonijiet ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ lment
a.
Rimedji qabel id-Data tal-Għeluq ta’ Sejħa għall-Kompetizzjoni – Din l-oġġezzjoni tista’ tiġi ppreżentata fl-ewwel żewġ terzi tal-perjodu ta’ żmien allokat fis-sejħa għall-kompetizzjoni għas-sottomissjoni tal-offerti;
b.
Appelli minn deċiżjonijiet meħuda wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet ta’ offerta – Din l-oġġezzjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji wara d-data li fiha l-Awtorita’ Kontraenti jew l-awtorita’ responsabbli għall-proċess tas-sejħa għall-offerti tkun bagħtet id-deċiżjoni proposta tagħha dwar l-għoti jew iċ-ċaħda ta’ offerta jew il-kanċellazzjoni tas-sejħa għall-offerti wara li jiskadi l-perjodu tal-pubblikazzjoni.
c.
Qorti tal-Appell – Din l-oġġezzjoni tista’ titressaq fi żmien għoxrin (20) jum kalendarju mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-PCRB tkun saret pubblika.
